Open menu

Politika dwar il-Privatezza

 

Aġġornata l-aħħar: l-14 ta’ Novembru 2023

Il-Parlament Ewropew jipproċessa d-data personali tiegħek biex joffrilek il-pjattaforma online youthideas.eu fejn iż-żgħażagħ jistgħu jaqsmu l-ideat tagħhom dwar kif jikkontribwixxu għal Ewropa aħjar. 
Nipproċessaw id-data personali tiegħek skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data (ir-“Regolament”). 
L-informazzjoni li qed nagħtuk hawn taħt hi bbażata fuq l-Artikolu 15 tar-Regolament.

 

1)    Min jipproċessa d-data personali tiegħek (il-kontrollur tad-data)?

  • Il-Parlament Ewropew jaġixxi bħala kontrollur u l-entità responsabbli għall-ipproċessar hija l-Unità tal-Kuntatt maż-Żgħażagħ tad-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni tal-Parlament Ewropew, irrappreżentata mill-Kap tal-Unità tagħha. 
  • Tista’ tikkuntattja lill-kontrollur fuq youth@ep.europa.eu jew bil-posta, f’envelop issiġillat, għall-attenzjoni tal-Kap tal-Unità, tal-Unità tal-Kuntatt maż-Żgħażagħ tad-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni, Rue Belliard 80, 1000 Brussell, il-Belġju.

2)    X’inhu l-iskop tal-ipproċessar tad-data personali tiegħek?

Nipproċessaw id-data personali tiegħek għall-iskopijiet li ġejjin:

  • biex nippermettulek aċċess għas-sit web 
  • biex nipprovdulek sigurtà fuq is-sit web
  • biex nippermettulek tippreżenta l-ideat u l-kummenti tiegħek u tippubblikahom
  • biex l-Unità tal-Kuntatt maż-Żgħażagħ tal-Parlament Ewropew tkun tista’ tibgħatlek ir-rapport finali dwar l-Ideat taż-Żgħażagħ.
  • biex nikkuntattjawk b’mod bilaterali ħalli ninfurmawk dwar ksur tal-Politika ta’ Moderazzjoni jew biex nagħtu segwitu għall-kontribut tiegħek u biex inwieġbu għall-mistoqsijiet mibgħuta minnek lil youth@ep.europa.eu
  • Minbarra l-ipproċessar ta’ hawn fuq, aħna nużaw sistema ta’ statistika li ma żżomm rekord ta’ ebda data personali.

Il-bażi legali għall-ipproċessar hija bbażata fuq l-Artikolu 5(1)(d) tar-Regolament: is-suġġett tad-data jkun ta l-kunsens għall-ipproċessar ta’ data personali tiegħu għal skop speċifiku wieħed jew aktar.

3)    Liema data personali tiġi pproċessata u minfejn ġibniha d-data personali tiegħek?

Id-data personali tiġi pproċessata skont l-iskop:

a)    Biex nippermettulek tinnaviga fuq is-sit web

Indirizz tal-IP u talbiet: Meta taċċessa s-sit web, is-servers tagħna jirċievu t-talba u t-tweġiba tiegħek billi jibgħatu lura, fl-indirizz IP tiegħek, il-kontenut mitlub. Aħna nżommu r-reġistri għal raġunijiet ta’ sigurtà sa 44 jum. Il-kompjuter tiegħek jaqsam din l-informazzjoni meta tikklikkja fuq il-links.

b)    Biex intejbu l-kontenut tagħna

Indirizz tal-IP u navigazzjoni: Jekk taċċetta l-cookies, nanalizzaw id-data permezz ta’ AT Piano Analytics. L-indirizz IP tiegħek ma jiġix issejvjat u jiġi anonimizzat minnufih. Il-proċess ta’ anonimizzazzjoni mhuwiex riversibbli. Żur il-paġna tal-ġestjoni tal-Cookies għal aktar informazzjoni u biddel is-settings tal-cookies tiegħek. Il-kompjuter tiegħek qed jipprovdi din l-informazzjoni jekk inti taqbel.

c)    Biex nippermettulek tippreżenta l-ideat u tippubblikahom

  • Isem: biex nidentifikawk meta taqsam l-idea tiegħek. Niksbuh permezz tal-formola li fuqha inti tibgħat l-ideat jew il-kummenti. 
  • Indirizz tal-posta elettronika: biex nikkuntattjawk b’mod bilaterali ħalli ninfurmawk dwar ksur tal-Politika ta’ Moderazzjoni jew biex nagħtu segwitu għall-kontribut tiegħek. Kif ukoll biex inwieġbu għall-mistoqsijiet li inti tibgħat fl-inbox tagħna youth@ep.europa.eu.  Niksbuh permezz tal-formola li fuqha inti tibgħat l-ideat jew il-kummenti jew jekk tibgħatilna email.   
  •  Lingwa ta’ dan il-messaġġ: il-lingwa tal-input tiegħek. Tintuża biex tiġi pprovduta traduzzjoni awtomatika. Niksbuha permezz tal-formola li fuqha inti tibgħat l-ideat jew il-kummenti.
  • Idea proposta: fejn tesprimi l-opinjoni personali tiegħek. Niksbuha permezz tal-formola li fuqha inti tibgħat l-ideat jew il-kummenti.
  • Kronogramma: biex inkunu nafu l-mument meta qsamt l-idea tiegħek u tajt il-kunsens tiegħek għall-ipproċessar tad-data personali tiegħek. Niksbuha awtomatikament permezz tal-formola li fuqha inti tibgħat l-ideat jew il-kummenti.
  • Indirizz IP:  biex nippermettulek tinnaviga u tibgħat l-ideat u l-kummenti tiegħek permezz tas-sit web tagħna. Niksbuh permezz tal-kompjuter tiegħek.

Importanti: l-ebda data personali tiegħek (isem, indirizz tal-posta elettronika, lingwa, kronogramma u indirizz IP) mhi se tkun viżibbli għal kulħadd fuq is-sit web. Barra minn hekk, peress li l-idea tiegħek tista’ tingħaqad ma’ oħrajn qabel ma tiġi ppubblikata, jista’ jkun li ma ssibhiex eżattament kif ktibtha. 

d)    Biex nippermettulek tibgħat il-kummenti:

  •  Isem: biex nidentifikawk meta taqsam l-idea tiegħek. Niksbuh permezz tal-formola li fuqha inti tibgħat l-ideat jew il-kummenti. 
  • Indirizz tal-posta elettronika: biex nikkuntattjawk b’mod bilaterali ħalli ninfurmawk dwar ksur tal-Politika ta’ Moderazzjoni jew biex nagħtu segwitu għall-kontribut tiegħek. Kif ukoll biex inwieġbu għall-mistoqsijiet mibgħuta minnek lil inbox ta’ youth@ep.europa.eu.  Niksbuh permezz tal-formola li fuqha inti tibgħat l-ideat jew il-kummenti jew jekk tibgħatilna email.
  • Lingwa ta’ dan il-messaġġ: il-lingwa tal-input tiegħek. Tintuża biex jipprovdi traduzzjoni awtomatika. Niksbuha permezz tal-formola li fuqha inti tibgħat l-ideat jew il-kummenti.
  • Kumment kondiviż: fejn tesprimi l-opinjoni personali tiegħek. Niksbuh permezz tal-formola li fuqha inti tibgħat l-ideat jew il-kummenti.
  • Kronogramma: biex inkunu nafu l-mument meta qsamt l-idea tiegħek u tajt il-kunsens tiegħek għall-ipproċessar tad-data personali tiegħek. Niksbuha awtomatikament permezz tal-formola li fuqha inti tibgħat l-ideat jew il-kummenti.
  • Indirizz IP:  biex nippermettulek tinnaviga u tibgħat l-ideat u l-kummenti tiegħek permezz tas-sit web tagħna. Niksbuh permezz tal-kompjuter tiegħek.

Importanti: ismek, il-kumment tiegħek u l-kronogramma se jkunu viżibbli għal kulħadd fuq is-sit web. Il-bqija (indirizz tal-posta elettronika, lingwa u indirizz IP) mhux se jintwerew. 

e)    Biex nikkuntattjawk b’mod bilaterali u nwieġbu l-mistoqsijiet tiegħek:

  •  Indirizz tal-posta elettronika: biex inwieġbuk lura.
  • Data personali inkluża fl-email tiegħek: biex tippersonalizza t-tweġiba.

Ma nieħdu ebda deċiżjoni awtomatika jew infasslu l-profili bid-data personali tiegħek biex nieħdu deċiżjonijiet li jaffettwawk u lanqas ma naqsmu l-informazzjoni personali tiegħek barra mill-UE.

f)    Biex nippermettu t-twettiq tad-dmirijiet tal-amministraturi

  • Indirizz tal-posta elettronika tax-xogħol: biex nippermettulhom aċċess għaż-żona tal-amministratur u jekk ikun hemm bżonn li jirkupraw il-logins u l-password tagħhom.
  • Logins: l-isem użat għall-aċċess tal-back-end
  •  Password: password personali sigrieta

4)    Għal kemm żmien se tinħażen id-data personali tiegħek?

Jekk tkun qed iżżur is-sit web, id-data tiegħek (l-indirizz IP u t-talbiet) tinżamm fis-servers għal massimu ta’ 44 jum għal raġunijiet ta’ sigurtà.
Jekk taqsam kumment jew idea, id-data personali tiegħek tinħażen għall-iskopijiet li għalihom tkun inġabret sa tmiem il-proġett (Diċembru 2025) jew sakemm is-suġġetti tad-data jkunu talbu t-tneħħija tagħha, skont liema jiġi l-ewwel.
L-informazzjoni tat-tim tal-youthideas.eu se tinħażen sa Diċembru 2025. Jekk wieħed minn dawn il-membri jitlaq mit-tim qabel dik id-data, l-informazzjoni tagħhom titħassar minnufih.
Id-data personali miġbura għal skopijiet analitiċi tiġi immedjatament anonimizzata u mħassra biex tiġi żgurata l-privatezza tiegħek.

5)    Min huma r-riċevituri tad-data personali tiegħek (messaġġ u lingwa)? 

Ir-riċevituri tad-data personali tiegħek huma dawn li ġejjin:

  • Viżitaturi tas-sit web: jekk tiddeċiedi li tikkumenta dwar idea, il-viżitaturi tas-sit web se jkun jistgħu jaraw ismek u l-kumment tiegħek.
  • Membri tal-persunal tal-fornituri tagħna: aħna nużaw proċessuri affidabbli li jipproċessaw biss id-data personali tiegħek f’isimna. Dan ifisser li, anke jekk ikollhom aċċess għall-informazzjoni, il-Parlament Ewropew biss għandu l-inizjattiva għall-azzjonijiet li jenħtiġilhom jittieħdu u jrid japprova l-azzjonijiet mill-proċessuri tad-data. Il-fornituri partikolari jistgħu jkunu soġġetti għal bidla maż-żmien. Bħalissa naħdmu ma’:
    • ICF Next: kuntrattur qafas. ICF Next jisottokuntratta lil Minsky. Jipproċessaw l-informazzjoni tal-membri tal-persunal tal-PE u kuntratturi oħra għal skopijiet amministrattivi. Sit web: https://www.icf.com/next 
    • Minsky: żviluppaturi (front u back-end). Kienu huma li żviluppaw il-pjattaforma youthideides u għandhom aċċess għall-informazzjoni kollha. Jipproċessaw l-informazzjoni fuq il-pjattaforma għal skopijiet ta’ manutenzjoni u titjib. Sit web: https://www.minsky.be/en
    • Level 27: kumpanija ospitanti. Is-servers tagħhom jospitaw il-kontenut tagħna u jipproċessaw l-indirizz IP tiegħek biex jipprovdu lill-utenti bil-kontenut u jiżguraw is-sigurtà fuq is-sit web: https://level27.be/en
    • DDMC: edituri. It-tliet edituri jaħdmu fuq l-ideat proposti mill-utenti u jiktbu l-kontenut għas-sit web. Sit web: http://www.ddmc.eu

6)    Xi drittijiet għandek u kif tista’ teżerċitahom?

Għandek id-drittijiet li ġejjin:

  • Id-dritt li taċċessa d-data personali tiegħek;
  • Id-dritt li tirrettifika id-data personali tiegħek;
  • Jekk applikabbli, id-dritt li tħassar id-data personali tiegħek.
  • Jekk applikabbli, id-dritt ta’ restrizzjoni tal-ipproċessar.
  • Jekk applikabbli, id-dritt għall-portabbiltà tad-data. 
  • Jekk applikabbli, id-dritt li toġġezzjona għall-ipproċessar.
  • Id-dritt li tirtira l-kunsens tiegħek fi kwalunkwe waqt, mingħajr ma dan jaffettwa l-legalità tal-ipproċessar ibbażat fuq il-kunsens qabel ma l-kunsens ikun ġie rtirat.

Jekk tixtieq teżerċita d-drittijiet tiegħek jew jekk ikollok xi mistoqsijiet dwar l-ipproċessar tad-data personali tiegħek, tista’ tindirizzahom lill-kontrollur tad-data permezz ta’ youth@ep.europa.eu jew bil-posta, f’envelop issiġillat, għall-attenzjoni tal-Kap tal-Unità, tal-Unità tal-Kuntatt maż-Żgħażagħ tad-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni, Rue Belliard 80, 1000 Brussell, il-Belġju.

Nikkunsidraw it-talba tiegħek, nieħdu deċiżjoni u nikkomunikawhielek.