Open menu

Termini ta’ użu

Deskrizzjoni

youthideas.eu huwa sit web li jippermetti liż-żgħażagħ jaqsmu l-ideat u l-kummenti tagħhom dwar suġġetti attwali Ewropej. L-għan huwa li jinħoloq djalogu kontinwu bejn il-Parlament Ewropew u ċ-ċittadini żgħażagħ biex jitqiesu l-opinjoni u l-ideat tagħhom għal rakkomandazzjonijiet ta’ politika.

Is-sit web huwa l-proprjetà tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentata mill-Parlament Ewropew, u ġiet żviluppata sabiex tingħata s-setgħa liċ-ċittadini żgħażagħ u lill-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ biex jaqdu rwol attiv fil-ħolqien ta’ futur aħjar fl-UE.

Is-suġġetti ewlenin tad-diskussjoni huma riflessi fit-taqsima “X’jgħodd għalik” u huma maqsuma fil-11-il kategorija li ġejja:  

  • Tibdil fil-klima u ambjent
  • Kultura u media
  • Demokrazija
  • Edukazzjoni
  • L-UE fid-dinja
  • Saħħa u sport
  • Drittijiet tal-bniedem
  • Xogħol, ekonomija u trasformazzjoni diġitali 
  • Migrazzjoni
  • Sigurtà
  • Inugwaljanzi soċjali
  • Oħrajn

L-utenti jistgħu jissottomettu ideat dwar dawn is-suġġetti jew jistgħu jikkummentaw dwar l-ideat sottomessi minn persuni oħra u ppubblikati fuq is-sit web. 

L-utenti jistgħu wkoll jiżviluppaw aktar l-ideat sottomessi minn persuni oħra fil-forma ta’ kumment billi jżidu eżempji ta’ proġetti, inizjattivi u organizzazzjonijiet lokali li jaħdmu fuq dawn l-ideat. 

Funzjonalità

L-utenti jistgħu jikkontribwixxu b’żewġ modi:

Jistgħu jaqsmu idea kompletament ġdida. Biex jagħmlu dan, iridu jikklikkjaw fuq il-kaxxa msejħa X’inhi l-idea tiegħek? Se jkollhom bżonn jagħżlu suġġett, iżidu l-isem, l-indirizz tal-posta elettronika, il-lingwa u l-idea tagħhom. Biex ikunu jistgħu jissottomettu l-idea tagħhom, se jkollhom jaċċettaw l-avviż “youthideas.eu Moderation Policy, Terms of Use and Data Protection” (youthideas.eu Politika ta’ Moderazzjoni, Termini ta’ Użu u Protezzjoni tad-Data). Jekk jogħġbok innota li din hija l-unika data meħtieġa biex tkun tista’ tissottometti l-ideat. L-utenti huma mistiedna joqogħdu lura milli jikkondividu data personali oħra li mhijiex strettament meħtieġa. Għaldaqstant, jekk tingħata, din se titħassar u ma tiġix ippubblikata. 

L-idea tagħhom ma tiġix ippubblikata awtomatikament. Grupp ta’ edituri jirreveduha u jeditjawha, sakemm it-tifsira oriġinali ma tkunx mgħawġa. Jekk l-idea sottomessa tkun simili għall-ideat ippreżentati minn persuni oħra, din tista’ tingħaqad magħhom u mbagħad tiġi ppubblikata. Għalhekk, l-ideat jistgħu jiġu ppubblikati f’espressjoni differenti minn dik sottomessa inizjalment minn utent.  

Jistgħu jikkondividu kumment. Biex jagħmlu dan, jeħtieġ li jużaw l-ispazju msejjaħ Għandek xi kummenti dwar din l-idea? li jinsab taħt kull idea. Iridu jaqsmu l-kumment tagħhom fl-ispazju riżervat, imbagħad jikklikkjaw fuq Li jmiss, jipprovdu l-isem, l-indirizz tal-email, il-lingwa, u jaċċettaw in-notifika “youthideas.eu Moderation Policy, Terms of Use and Data Protection”. Jekk jogħġbok innota li din hija l-unika data meħtieġa biex tkun tista’ tissottometti l-ideat. L-utenti huma mistiedna joqogħdu lura milli jikkondividu data personali oħra li mhijiex strettament meħtieġa. Għaldaqstant, jekk tingħata, din se titħassar u ma tiġix ippubblikata. 

Imbagħad, iridu jagħfsu l-buttuna issottometti. Jekk il-kumment tagħhom ikun konformi mal-Politika ta’ Moderazzjoni tagħna, il-grupp ta’ edituri jippubblikah. Fl-aħħar nett, se jinġabar sommarju ta’ dawn l-ideat u l-kummenti fir-Rapport dwar l-Ideat taż-Żgħażagħ li se jitqassam lill-Membri kollha tal-Parlament Ewropew (MEPs) matul is-seduta ta’ smigħ tal-EYE li se ssir fil-ħarifa tal-2023. 

Min jista’ juża youthideas.eu

Kwalunkwe persuna li tirrisjedi fl-UE jew ’il barra mill-UE li għandha l-età ta’ mill-inqas 13-il sena tista’ tuża youthideas.eu. Minuri (ta’ taħt l-età ta’ 18-il sena) irid ikollhom il-permess tal-ġenitur jew tal-kustodju legali tagħhom biex jużaw youthideas.eu. Il-ġenituri jew il-kustodji legali ta’ minorenni huma marbuta b’dawn it-Termini ta’ Użu u huma responsabbli għall-użu mit-tfal tagħhom ta’ youthideas.eu.  Jekk tagħti informazzjoni falza (eż. l-età) il-Parlament Ewropew jirriżerva d-dritt  li jikkanċella u jħassar il-kont flimkien mal-attività kollha assoċjata mal-kont. 

Sabiex jissottomettu idea jew jikkummentaw, l-utenti m’għandhomx għalfejn ikunu rreġistrati. 

Termini applikabbli

Meta jissottomettu kumment jew idea fuq youthideas.eu, l-utenti kollha jaqblu ma’ dawn it-Termini u l-politiki u l-avviżi addizzjonali li ġejjin: 

Il-Parlament jista’ jimmodifika dawn it-Termini jew il-politiki msemmija hawn fuq sabiex jirriflettu l-bidliet fil-funzjonalitajiet ta’ youthideas.eu, jew għal raġunijiet legali u ta’ sigurtà. Il-Parlament jinforma lill-Utenti bi kwalunkwe modifika sostanzjali ta’ dawn it-Termini jew ta’ kwalunkwe waħda mill-politiki ta’ hawn fuq.
 

Sospensjoni u terminazzjoni

Biex jiżgura titjib kostanti, il-Parlament Ewropew jista’ jibdel is-servizzi tal-pjattaforma u b’riżultat ta’ dan jista’ jżid jew ineħħi funzjonijiet, karatteristiċi, jew rekwiżiti, u/jew jista’ jissospendi jew iwaqqaf parti mis-servizzi għal kollox. Għaldaqstant, il-Parlament Ewropew jista’ jtemm l-użu ta’ kwalunkwe servizz għal kwalunkwe raġuni mingħajr ma jkollu l-ebda responsabbiltà lejn l-utenti għal dat-tip ta’ azzjonijiet.

Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali

Sjieda

L-utenti li jissottomettu ideat jew jikkondividu kummenti fuq il-pjattaforma youthideas.eu huma responsabbli għal u jżommu d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali kollha ta’ kwalunkwe waħda mis-sottomissjonijiet tagħhom.

Liċenzja għal utenti oħra u għall-Parlament Ewropew

Meta jissottomettu ideat jew jikkondividu kummenti fuq il-pjattaforma youthideas.eu, l-utenti jagħtu lil utenti oħra tal-pjattaforma u lill-Parlament Ewropew, liċenzja dinjija, mhux esklużiva, trasferibbli, mingħajr drittijiet tal-awtur, mhux kummerċjali u sottoliċenzjabbli biex jużaw il-kitbiet tagħhom, inklużi d-drittijiet li jirriproduċu, jiddistribwixxu, jimmodifikaw, jeditjaw, jiġbru fil-qosor, jittraduċu, joħolqu xogħlijiet derivattivi, juruha u jikkomunikawha lill-pubbliku fuq kull tip ta’ midja, għall-finijiet tal-operat, tal-promozzjoni jew tat-titjib tal-pjattaforma youthideas.eu jew tal-promozzjoni tal-attivitajiet tal-Parlament. Huma jaqblu wkoll li ma joġġezzjonawx li l-ismijiet tagħhom jissemmew jew ma jissemmewx meta l-kitbiet tagħhom jiġu kkomunikati lill-pubbliku. 

Il-Kontenut jista’ jixxerred fuq is-siti web tal-Parlament, fil-midja soċjali, fl-avvenimenti ta’ informazzjoni u ta’ involviment u fuq il-mezzi ta’ komunikazzjoni l-oħra kollha tiegħu.

 Il-liċenzja tingħata għad-durata kollha tad-drittijiet tal-awtur u, fejn applikabbli, tad-drittijiet relatati. Jekk il-Kontenut jitneħħa, il-liċenzja tiġi tterminata għall-użi futuri iżda mhux għall-użi permessi qabel it-tneħħija tiegħu.

Liċenzja għall-użu tal-Pjattaforma

Soġġett għal dawn it-Termini, l-utenti jingħataw liċenzja dinjija, mhux esklużiva, mhux trasferibbli, mhux subliċenzjabbli u revokabbli biex jużaw is-software ipprovdut bħala parti mis-Servizz. 

Liċenzja għall-użu tal-kontenut tal-Parlament Ewropew

Kwalunkwe kontenut ipprovdut mill-Parlament Ewropew fuq il-pjattaforma youthideas.eu huwa l-proprjetà esklużiva tal-UE u jista’ jintuża biss skont l-avviż legali tas-siti web tal-Parlament. L-Utenti jintrabtu li jirrispettaw id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali miżmuma mill-UE mingħajr preġudizzju għad-drittijiet u l-eċċezzjonijiet previsti mil-liġi applikabbli.

Garanziji

Billi jissottomettu ideat jew jaqsmu kummenti bil-miktub fuq il-pjattaforma youthideas.eu, l-utenti jiggarantixxu li:

  • huma l-awtur u/jew id-detentur tad-drittijiet tal-kitbiet u/jew kisbu l-liċenzji kollha meħtieġa u l-kunsens mill-partijiet terzi li għandhom drittijiet fuq tali kitbiet;    
  • huma intitolati li jagħtu lill-Parlament Ewropew u lil Utenti oħra liċenzja biex jużaw il-kitbiet tagħhom skont dawn it-Termini; 
  • l-ebda parti terza ma għandha xi dritt fuq il-Kontenut imtella’ li jista’ b’xi mod jillimita d-drittijiet tal-Parlament jew ta’ Utenti oħra li jirriżultaw minn dawn it-Termini;
  • il-kitbiet sottomessi ma jiksru l-ebda liġi jew drittijiet ta’ partijiet terzi bħad-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati, it-trademarks, il-privattivi u d-drittijiet tal-privatezza.

Responsabbiltà

L-utenti huma kompletament responsabbli għall-kitbiet tagħhom u huma espressament meħtieġa li ma jagħmlux dikjarazzjonijiet li jinfamaw u li ma jiksrux jew ma jawtorizzaw l-ebda ksur tad-dritt tal-awtur, tat-trademarks, tal-protezzjoni tad-data u tal-liġi dwar il-privatezza, jew ta’ kwalunkwe dritt legali ieħor.

Il-Parlament Ewropew ma jaċċetta l-ebda responsabbiltà jew obbligu f’każijiet bħal dawn u l-utenti responsabbli jkunu obbligati għal kwalunkwe dannu jew obbligu oħrajn li jirriżultaw.

L-utenti jaqblu li jiddefendu, jindennizzaw u jevitaw li ssir ħsara lill-Parlament Ewropew minn kwalunkwe pretensjoni, kawża jew proċediment li jirriżulta minn kwalunkwe ksur ta’ dawn it-Termini, inkluż il-ksur tad-drittijiet tal-awtur ta’ partijiet terzi u drittijiet oħra tal-proprjetà intellettwali.