Open menu
13 Sep 2023

EYE2023: Ir-Rapport dwar l-Ideat taż-Żgħażagħ ħareġ!

Image
Young people at EYE2023 in Strasbourg

Ittra mill-Edituri tal-EYE

Fl-2023, ksibna ħafna suċċessi flimkien. L-Ewropa għadha qed tiffaċċja sfidi bla preċedent minħabba l-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima u l-gwerra fl-Ukrajna li qegħdin jolqtu lid-dinja sħiħa.

Qegħdin ukoll nissieltu mal-konsegwenzi ta’ dak li l-pandemija tal-COVID-19 ħalliet warajha: reċessjonijiet ekonomiċi, kwistjonijiet ta’ saħħa mentali u tħassib dwar il-ġustizzja soċjali. Fuq il-livell Ewropew saru ħafna affarijiet biex ngħelbu dawn l-isfidi.

Issa li qegħdin fix-xhur ta’ qabel l-Elezzjonijiet Ewropej tas-sena d-dieħla, huwa essenzjali li nenfasizzaw il-bidliet li ż-żgħażagħ fl-Ewropa jridu jaraw fil-leġiżlatura li jmiss, filwaqt li nirrikonoxxu l-progress li sar fl-aħħar snin.

 

Ir-Rapport dwar l-Ideat taż-Żgħażagħ huwa l-qofol ta’ vjaġġ li beda aktar kmieni din is-sena. Inkludejna ideat li ħarġu kemm mill-youthideas.eu kif ukoll mill-EYE2023 (L-Avveniment Ewropew taż-Żgħażagħ) li sar fi Strażburgu, fejn 8,500 żagħżugħ u żagħżugħa ltaqgħu fid-9 u fl-10 ta’ Ġunju biex flimkien jaqsmu u jsawru l-opinjonijiet rispettivi tagħhom dwar il-futur tal-Ewropa.

 

Din il-ħames edizzjoni kienet partikolarment intensa u mimlija skambji. Madwar 325 attività seħħew fil-Parlament Ewropew u fl-EYE Village, u dawn kollha kkontribwew biex kull parteċipant iħossu komdu fid-dar tad-demokrazija Ewropea.

 

Fir-rwol tagħna bħala Edituri tal-EYE, waqt li konna qegħdin naħdmu fuq ir-Rapport dwar l-Ideat taż-Żgħażagħ ħadna deċiżjoni. Ma xtaqniex biss niġbdu l-attenzjoni lejn l-ideat l-aktar popolari u influwenti li jinsabu fuq youthideas.eu, iżda ridna wkoll nuru xi ideat li diġà bdiet tittieħed azzjoni dwarhom minn xi organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ madwar l-Ewropa.

 

Nittamaw li dan ir-rapport jispira żgħażagħ mill-Ewropa kollha u jwassal biex il-MPE attwali u futuri, istituzzjonijiet oħra u organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ jaħsbu fuqu u jieħdu azzjoni. L-ideat ippreżentati f’dan ir-rapport ikopru firxa wiesgħa ta’ suġġetti, li jvarjaw minn inizjattivi ta’ sostenibbiltà u opportunitajiet edukattivi ġodda għat-trasformazzjoni diġitali.

 

Nemmnu li r-Rapport dwar l-Ideat taż-Żgħażagħ huwa għodda b’saħħitha li kapaċi tispira dibattitu politiku u t-tiswir ta’ proposti għal politiki tal-futur, speċjalment issa li qegħdin noqorbu lejn l-Elezzjonijiet Ewropej li se jsiru fir-Rebbiegħa tal-2024. Ninsabu grati lejn iż-żgħażagħ kollha li kkontribwew bil-proposti u l-viżjonijiet eċċellenti tagħhom għal Ewropa aħjar, u nisperaw li leħinhom jidwi qawwi permezz ta’ dan ir-rapport.

 

Ir-Rapport dwar l-Ideat taż-Żgħażagħ