Open menu
01 Feb 2024

Is-Seduta ta’ Smigħ taż-Żgħażagħ Ewropej: Mill-Ideat għall-Azzjoni!

Image
Youth Hearing event 2023 image of participants

Is-Seduta ta’ Smigħ taż-Żgħażagħ Ewropej laqqgħet flimkien Membri tal-Parlament Ewropew, żgħażagħ, organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, kollegi minn istituzzjonijiet Ewropej oħra u esperti biex jiddiskutu l-ideat l-aktar popolari tal-EYE2023. Tixtieq tkun taf x’ġara u xi jmiss? 

Il-pubblikazzjoni tar-Rapport dwar l-Ideat taż-Żgħażagħ bl-ideat l-aktar popolari tal-EYE2023 kien pass importanti, iżda ma kienx it-tmiem. Biex inżommu l-ideat kollha ħajjin u ngħinuhom jiżviluppaw f’riżultati konkreti, kellna bżonn nieħdu mument biex nitfgħu l-attenzjoni fuqhom u nitkellmu dwarhom mill-ġdid fil-Parlament Ewropew.

Is-Seduta ta’ Smigħ taż-Żgħażagħ Ewropej, li saret fi Brussell fis-7 ta’ Novembru, kienet l-okkażjoni perfetta biex iż-żgħażagħ jippreżentaw dawn l-ideat u jiddiskutuhom ma’ Membri tal-Parlament Ewropew (MEPs), kollegi mill-Parlament u mill-Kummissjoni, ġurnalisti, dawk li joħolqu l-kontenut u esperti minn organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ bħall-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ, in-Network tal-Istudenti tal-Erasmus, l-UNICEF u l-Federalisti Żgħażagħ Ewropej. Is-seduta ġiet organizzata bħala avveniment ta’ ġurnata, u wara saru sensiela ta’ workshops u attività ta’ networking.

Aġenti veri tal-bidla

Ir-Rapport dwar l-Ideat taż-Żgħażagħ kien fih 15-il idea iżda għas-Seduta ta’ Smigħ ġew ippreżentati 10 biss. Biex nippreżentaw l-ideat, għażilna 10 voluntiera żgħażagħ biex isiru l-“EYEdea Boosters” tagħna. Dawn ġew mil-Latvja, l-Italja, l-Estonja, l-Albanija, ir-Renju Unit, il-Belġju, ir-Rumanija, il-Polonja, in-Netherlands u l-Ġermanja. Kull wieħed/waħda minnhom kellhom interess qawwi f’waħda mill-10 ideat tar-Rapport dwar l-Ideat taż-Żgħażagħ u kellhom pjanijiet biex jiżviluppaw proġetti marbuta mal-ideat, pereżempju, il-ħolqien ta’ avveniment, l-involviment tal-iskejjel f’inizjattivi kontra l-ħela tal-ikel jew il-pressjoni favur bidla fil-politika. Hu x’inhu d-daqs tal-proġett, kbir jew żgħir, kollha jirrappreżentaw bidla u jkomplu l-konverżazzjoni madwar l-ideat li ħarġu mill-EYE2023 u fuq din il-pjattaforma.

Kurjuż dwar liema VIPs kienu involuti? Fost il-500 parteċipant li kienu preżenti fis-sala jew online, ingħaqdu magħna l-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola, u l-Viċi President Pina Picierno, kif ukoll 26 MEP. Wara li semgħu l-ideat kollha, kellhom l-opportunità li jenfasizzaw il-ħidma leġiżlattiva li diġà wettaq il-Parlament Ewropew u jiddiskutu l-prijoritajiet futuri maż-żgħażagħ, li l-parteċipazzjoni tagħhom fil-proċess politiku, u speċjalment fl-elezzjonijiet Ewropej tal-2024, hija vitali. L-iskambji kienu tant produttivi li l-President Metsola saħansitra ltaqgħet ma’ xi żgħażagħ individwalment biex tiskambja emails u tisma’ aktar dwar kif qed jevolvu l-proġetti tagħhom! Hekk kif ninsabu fuq l-għatba tal-elezzjonijiet Ewropej tal-2024, l-ideat li jinsabu fir-Rapport dwar l-Ideat taż-Żgħażagħ jenfasizzaw l-aspettattivi, it-tħassib u t-tamiet taż-żgħażagħ dwar suġġetti li huma importanti għalihom.

Wara s-Seduta ta’ Smigħ, il-parteċipanti ġew mistiedna jipparteċipaw f’sensiela ta’ workshops. Hemm, l-EYEdea Boosters kellhom l-opportunità li jippreżentaw l-ideat tal-proġett tagħhom fi gruppi iżgħar, jidħlu aktar fil-fond u jagħmlu pjan konkret għalihom: xi ħaġa li hija dejjem importanti meta jkollok ħolm kbir! 

Issa xi jmiss?

Il-proċess ma jintemmx hawnhekk. L-EYEdea Boosters se jaħdmu fuq il-proġetti tagħhom sa Marzu, u mbagħad se jippreżentawhom mill-ġdid lit-tim tal-Unità tal-Kuntatt maż-Żgħażagħ u għal darb’oħra matul il-Ġimgħa Ewropea taż-Żgħażagħ f’April 2024.
Sa dak iż-żmien, żomm għajnejk fuq youthideas.eu, erġa’ ara s-Seduta ta’ Smigħ u ispira ruħek biex tiżviluppa l-proġetti tiegħek stess ukoll!